Żewġ fabbriki, li bħalissa joperaw miż-Żona Industrijali ta’ Ħal Far, se jkunu qed jiġu rilokati biex jagħmlu spazju ħalli jkun jista’ jitwettaq b’mod sħiħ il-proġett tat-trakka tal-karozzi.
Din il-bidla hi kruċjali għal dawn iż-żewġ kumpaniji li t-tnejn li huma joperaw fil-qasam tat-trasport u l-loġistika, għax dan is-sit fih madwar 27,000 metru kwadru u għalhekk kien importanti ferm għalihom li l-art fejn qed jiġu rilokati tkun f’din l-istess żona.
Dan il-proċess ta’ rilokazzjoni jiżgura tranżizzjoni bla xkiel tal-operazzjonijiet għaż-żewġ operaturi.
Għaldaqstant, din l-inizjattiva se twassal biex ikun hemm aktar spazju għall-iżvilupp tal-Kumpless tal-Motorsport, li se jkun l-aqwa faċilità tat-tip tagħha fil-Mediterran.
Il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, u l-Ministru għall-Ekonomija, l-Intrapriża u Proġetti Strateġiċi, Silvio Schembri, fl-aħħar jiem żaru s-sit fejn se jiġu rilokati iż-żewġ operaturi, l-Attrans u l-White Brothers, fejn it-tindif mill-INDIS miexi ġmielu.
Il-President tal-Malta Motorsport Federation, Duncan Micallef, min-naħa l-oħra, qal li bħala federazzjoni responsabbli għal kull dilettant tal-karozzi li hawn f’Malta, ilhom għal dawn l-aħħar tliet snin fuq dan il-proġett u t-tindif li qed isir f’dan il-post mhuwiex l-ewwel pass.
“Hawnhekk hawn mal-miljun u nofs ewro ta’ rimi, jiġifieri mhux ċajta. Dak ifisser li l-Gvern qed jappoġġja dan il-proġett u aħna qed naħdmu id f’id flimkien miegħu. Minbarra dan hemm affarijiet oħrajn ġejjin u dan mhux l-ewwel wieħed, jiġifieri aħna għandna l-kuraġġ li l-affarijiet jibqgħu għaddejjin.”
Il-Ministru Grima spjega li x-xogħol fuq it-trakka tal-karozzi miexi b’pass mgħaġġel u għalhekk nassiguraw li nilħqu l-miri tagħna.
Il-Ministru Schembri rringrazzja lill-INDIS li qed imexxu din ir-rilokazzjoni u b’dan ix-xogħol qed jaraw li jaslu aktar viċin il-ħolma tat-trakka.
Dan ix-xogħol qed jikkumplimenta xogħol ieħor li qed jiffoka fuq it-trakka tad-Drag Racing, b’numru ta’ tibdiliet fil-faċilitajiet u t-trakka nnifisha.
L-ewwel fażi tat-trakka tal-Motorsport se tara titjib infrastrutturali fuq it-trakka eżistenti tad-Drag Racing, li se jwassal biex din il-faċilità issa tkun tista’ tiġi ċċertifikata mill-Federazzjoni Internazzjonali Awtomobilistika u b’hekk tidħol b’mod uffiċjali fil-kalendarju tal-FIA.
Għalhekk, b’dan ix-xogħol se jkun possibbli li t-trakka tospita attivitajiet ta’ livell internazzjonali tad-Drag Racing.