- ŻIEDA FL-IRĠIEL LI JAĦŻNU L-ISPERMA
F’Mater Dei hemm żewġ embrijuni ffriżati. Dan jirriżulta mir-rapport annwali tal-Awtorità għall-Protezzjoni tal-Embrijun ippubblikat fl-aħħar jiem.
F’Malta il-permess tal-iffriżar tal-embrijuni jirriżulta mil-liġi li taċċetta li jsir dan biss f’każi eċċezzjonali li ma jkunux previsti fil-mument tal-fertilizzazzjoni.
Jirriżulta li sa issa kien hemm talba waħda fejn l-esperti mediċi ħassew li l-proċess ma setax jibqa’ għaddej minħabba marda li ħakmet lill-omm. F’każ bħal dan ikun mistenni li l-proċess jissokta jekk kemm-il darba l-konsulenti mediċi jgħidu li l-omm tkun tiflaħ għat-tqala.
Intant, mill-istess rapport jirriżulta wkoll li kien hemm żieda fl-irġiel li għażlu li jaħżnu l-isperma tagħhom.
Is-sena li għaddiet biss kien hemm 61 li għamlu dan f’Mater Dei u tnax fi kliniċi privati. Partikolarment dan sar minħabba każi fejn ir-raġel ikun beda jieħu l-kura b’rabta ma’ onkoloġija jew b’rabta ma’ kwistjonijiet ta’ uroloġija. 29 minn fost dawk li għamlu dan għaddew minn proċess tal-IVF fl-istess sena kalendarja.
Ir-rapport janalizza diversi aspetti oħra fosthom kemm dawk li marru għall-proċess tal-IVF f’Mater Dei kienu ilhom jistennew biex ikollhom tarbija. Biex wieħed ikun eliġibbli għall-proċess imħallas mis-servizz tas-saħħa pubblika irid ikun ilu iktar minn sentejn infertili. Dawk li kienu ilhom inqas minn sentejn ikunu jridu jħallsu għall-proċess tagħhom.
F’każ minnhom kien hemm koppja li kienet ilha 14–il sena tipprova għat-tfal. 33 koppja ilha infertili għal sentejn jew inqas, 67 koppja għal tliet snin, 40 koppja għal erba’ snin, 38 koppja għal ħames snin, filwaqt li 95 koppja kienet ilha infertili għal sitt snin jew inqas.
Il-Gvern joffri l-IVF b’xejn lil dawk li qatt ma kellhom tfal (infertilità primarja) jew dawk li kellhom tfal minn relazzjoni oħra (infertilità sekondarja).
89% ta’ dawk li applikaw għall-proċess tal-IVF f’Mater Dei għandhom infertilità primarja. Minn 30 koppja ta’ infertilità sekondarja li s-sena li għaddiet mill-proċess tal-IVF, 16 ħallset għas-servizz, għax diġà kellha wlied mill-istess relazzjoni. 13 li kellhom ulied minn relazzjoni ta’ qabel ħadu s-servizz bħala parti mis-settur tas-saħħa pubblika u każ wieħed il-ħlas sar mill-koppja għaliex ma tkunx kwalifikat għas-servizz tas-saħħa pubblika minħabba xi kwistjoni oħra.
Fuq kollox matul is-sena li għaddiet f’pajjiżna sar 273 ċiklu ta’ IVF, li 202 minnhom saru Mater Dei.
Dawn iċ-ċikli rriżultaw f’64 tqala, li minnhom seba’ ommijiet sofrew korriment, 14 kellhom tarbija, u 43 għadhom qed jistennew tarbija.
Permezz ta’ dawn iċ-ċikli bbenefikaw 228 koppja, hekk kif kien hemm 43 koppja li għamlet żewġ ċikli, u koppja li għamlet tliet ċikli. Fl-2016 kien hemm għaxar pazjenti li kellhom il-gametes tagħhom trasferiti bejn kliniċi f’Malta, filwaqt li kien hemm koppja li kellha l-bajd li ġie trasferit barra l-pajjiż.
Kien hemm total ta’ 23 koppja li ma kellha l-ebda embrijun biex jiġi trasferit, 150 koppja kellha 2 embrijuni, 46 koppja kellha embrijun wieħed, filwaqt li 53 koppja kellha tliet embrijuni.
Fl-2016 twieldu total ta’ 58 tarbija bl-IVF, 44 minnhom – 23 tifla u 21 tifel, permezz ta’ ċikli li saru fl-2015, filwaqt li 14 oħra (9 subien u 5 ibniet) twieldu minn ċikli li saru fil-bidu tal-2016.
Minn ċikli li saru fl-2016 hemm 43 omm li għadha qed tistenna tarbija, li fosthom se jkun hemm ħames settijiet ta’ tewmin u sett ta’ triplets.
Il-Ministru għas-Saħħa Chris Fearne innota b’sodisfazzjon kif minn meta beda jkun offrut b’xejn dan is-servizz f’Mater Dei mijiet ta’ koppji ngħataw tama ġdida biex jibnu familja. “Is-sena li għaddiet, l-2016, kienet it-tieni sena li l-IVF beda jopera mill-Isptar Mater Dei u kienet sena oħra ta’ ħidma speċjalizzata li tat lil diversi koppji l-frott mixtieq,” qal Fearne li fisser kif fuq sentejn saru 416–il ċiklu.
“Dan wassal biex s’issa twieldu total ta’ 52 tarbija, filwaqt li 29 omm oħra fil-preżent qiegħda tistenna tarbija permezz ta’ IVF li sar f’Mater Dei.
Dawn in-numri jagħtuna kuraġġ. Iżda lil hinn minn dan l-ART Clinic f’Mater Dei tagħti wkoll servizzi lill-persuni li se jkunu se jgħaddu minn ċerta kura fosthom chrotherapy biex jippriservaw il-bajd u l-isperma tagħhom biex jekk ikollhom bżonn jintużaw aktar ’il quddiem,” qal Fearne li żied jinnota kif l-għajnuna hija waħda li tkopri l-aspetti kollha.