Żewġ diretturi tal-fabbrika tat-tessuti li kienet ingħalqet, Leisure Clothing, ingħataw sentenza ta’ sitt snin ħabs kull wieħed, wara li nstabu ħatja ta’ traffikar tal-bnedmin fil-Qorti tal-Appell.
Id-diretturi maniġerjali Han Bin u d-direttur tal-marketing Jia Liu, it-tnejn huwa ta’ nazzjonalità Ċiniża ġew akkużati li sfruttaw impjegati Vjetnamiżi u Ċiniżi tal-fabbrika f’Bulebel, u ġiegħluhom jaħdmu ġranet twal f’kundizzjonijiet tax-xogħol ħżiena.
Dan il-każ imur lura għall-2014 meta bosta mill-impjegati Vjetnamiżi tal-fabbrika kienu ġew arrestati talli ppruvaw jaħarbu minn Malta b’dokumenti tal-identità Taljani foloz. Il-ħaddiema kienu qalu lill-pulizija li ma tħallsux il-pagi miftiehma u li l-passaporti tagħhom inżammu mill-kumpanija. Minn hemm kienet skattat investigazzjoni mill-pulizija.