Fuq inizjattiva tad-Deputat Rosianne Cutajar u t-team tagħha bl-appoġġ tad-Deputat Ryan Callus, illum inġabru flus għad-Dar tal-Providenza.
Iż-żewg membri parlamentari kif ukoll madwar tlett mitt biker inġabru kmieni filgħodu f’Wied is-Sewda Hal Qormi sabiex f’xemx tiżreġ jerħulha għar-rotta ta’ Providenza Bike Ride.
Ir-ride spiċċat ġewwa d-Dar tal-Providenza fejn il-bikers ingħataw merħba sabiħa mingħand ir-residenti u l-ħaddiema tad-Dar tal-Providenza.
L-attivita’ kompliet bi stunt show bil-muturi fejn intrebħu wkoll għadd ta’ rigali.
L-Onorevoli Rosianne Cutajar qalet li din l-attivita’ hi xhieda ta’ kif meta ningħaqdu s-suċċess ikun ferm ikbar.
Hija qalet li sodisfatta bl-attendenza numeruża tal-ewwel edizzjoni ta’ Providenza Bike Ride u saħqet kif tixtieq li din l-attivita’ tkun appuntament annwali fil-kalendarju Malti.
L-istess sentiment ġie espress minn Fr Martin Micallef li apprezza l-isforz u l-impenn sabiex setat tittella’ din l-attivita’.
Is-somma migbura tlahhaq izjed minn €3,000.