Beda jitħaddem il-proġett massiċċ u ambjentali tax-shore-to-ship f’pajjiżna, hekk kif fis-sigħat li għaddew fil-Port il-Kbir, daħlu żewġ cruiseliners li tfew għal kollox il-magni tagħhom biex jaqbdu mal-grid nazzjonali tal-elettriku.
Jum meqjus storiku għal pajjiżna, hekk kif għall-ewwel darba, anke wara r-rieda politika ta’ Gvern Laburista u investiment ta’ ħamsin miljun ewro, minn ċumnija ta’ opra tal-baħar sorġuta fil-Port il-Kbir, ma deher l-ebda duħħan iswed ħiereġ.
Iż-żewġ bastimenti tal-passiġġieri huma tal-Kumpanija Viking; wieħed Venus li sorġa n-naħa ta’ Boiler Wharf, fl-Isla, u l-bastiment Saturn li tħaddem mingħajr problemi n-naħa ta’ Pinto Wharf, fil-Belt. Iż-żewġ cruiseliners, iġorru mal-elf persuna kull wieħed.
Kif spjegat magħna l-Perit ta’ Infrastructure Malta Janice Borg, il-proġett tax-shore-to-ship mistenni jnaqqas b’aktar minn 90% t-tniġġis tal-arja mill-vapuri tal-passiġġieri. Permezz ta’ dan l-investiment, qed tingħata arja aktar nadifa lil sbatax-il elf familja li jgħixu madwar il-Port il-Kbir.
Qalet, “Ilbieraħ rnexxielna nqabdu l-ewwel cruiseliner, tefa’ l-magni tiegħu u prattikament qed jieħu l-elettriku kollu li għandu bżonn mill-grid ta’ Malta. Bi pjaċir dalgħodu qabaddna t-tieni cruiseliner u ż-żewġ cruiseliners it-tnejn għandhom il-magni mitfijin u qed jieħdu l-enerġija mill-grid.”
Skont studju Ewropew li sar fl-2015 huwa stmat li kull vapur tal-passiġġieri li jqatta’ tmien sigħat sorġut fil-port idaħħan 1.2 tunnellati ta’ ossidu tan-nitroġenu, daqs tliet mitt elf karozza jsuqu f’daqqa miċ-Ċirkewwa sa Marsaxlokk. Idaħħan ukoll 30 kilo t’emissjonijiet tal-materja f’partiċelli, jiġifieri trabijiet fini fl-arja li nieħdu man-nifs, l-istess ammont li joħroġ minn mija u tmenin elf vettura jivvjaġġaw tul l-istess rotta minn fuq s’isfel ta’ Malta.
Qalet, “Kull wieħed minn dawn il-curiseliners ħadu 3.6MVA u madwar 3.1MW fis-siegħa. L-ewwel ġurnata fejn cruiseliners seta’ f’Malta jitfi l-magni u ma nibqgħux naraw id-duħħan ħiereġ miċ-ċmieni tiegħu.”
Malta hija minn tal-ewwel fil-Mediterran li ntroduċiet sistema tal-elettriku mix-xatt għall-vapuri tal-passiġġieri.
Infrastructure Malta installat din is-sistema mal-ħames mollijiet prinċipali tal-cruiseliners kollha, tlieta fix-Xatt ta’ Pinto, fil-Furjana, wieħed mal-moll ta’ Xatt l-Għassara tal-Għeneb, fil-Marsa, u f’Boiler Wharf, fl-Isla.