Minn Lulju li ġej, il-Port il-Kbir se jibda jilqa’ fih żewġ cruiseliners tal-kumpanija Viking Cruises, li jibdew u jispiċċaw f’Malta. Il-vapuri Viking Sea u Viking Venus se joperaw fir-rotta tal-Mediterran, filwaqt li wieħed mill-vjaġġi se jżur il-gżira tat-tliet għoljiet ukoll.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mill-Ministru għat-Turiżmu Clayton Bartolo.
Fl-isfond tal-Port il-Kbir b’temp li jħajjar lit-turisti jiġu pajjiżna, il-Ministru spjega kif dawn il-cruiseliners huma parti minn strateġija akbar għas-settur turistiku.
Qal, “Dan huwa biss il-bidu fejn aħna qegħdin naraw kif ħa nattiraw anke iżjed cruiseliners lejn pajjiżna li jkunu ta’ kwalità. L-għan tagħna huwa li niġbdu lejn pajjiżna turisti ta’ kwalità li jqattgħu aktar żmien f’pajjiżna u l-cruiseliners huma parti minn din l-istrateġija tagħna għaż-żmien li ġej.”
Il-Ministru tenna li dan kollu se jgħin lil pajjiżna biex iwessa’ n-niċċa tat-turiżmu għas-suq Amerikan.
Il-Kap Eżekuttiv tal-Valletta Cruise Port, Stephen Xuereb qal illi l-port għandu fis-seħħ numru ta’ protokolli li jħarsu s-saħħa tal-passiġġiera kif ukoll tal-komunità Maltija, li bihom kiseb timbru ta’ vjaġġar sigur.
Is-Sur Xuereb sostna wkoll li l-passiġġieri kollha li se jiġu bil-vapuri tal-Viking, iridu jkunu mlaqqma.
Spjegat, “Il-passiġġieri kollha li ħa jiġu ħa jkunu vaċċinati għax dak huwa requirement tal-vapur stess u qabel jitilgħu abbord ħa jsirilhom ukoll non-invasive test, jiġifieri ħa jagħmlulhom it-test ukoll qabel jitilgħu.”