Wara li riċentament żewġ żgħażagħ promettenti ċiklisti Maltin li jiffurmaw parti mit-tim Nazzjonali Malti marru għal jumejn ta’ testijiet tal-abiltajiet ċiklistiċi tagħhom mat-Team Professjonali Eolo-Kometa f’wieħed mill-kwartieri tagħhom f’Varese, issa Luke Borg (The Cyclist) u Jacob Schembri (Mosta) se jipparteċipaw f’kamp ta’ taħriġ li ser jinżamm f’Oliva qrib Valencia fi Spanja mit-13 sat-18 ta’ Dicembru 2022 mat-tim ta’ Under 23 ta’ Eolo-Kometa. Apparti li huma se jitħarrġu wkoll ma’ ċiklisti professjonali, fejn dan ser ikun test qawwi għalihom biex jaraw jekk ‘l quddiem jissieħbux mal-istess tim ta’ taħt it-23 sena tat-tim Eolo-Kometa.
Wara dan ser ikun hemm il-possibilta’ li li s-sena d-dieħla huma jikkompetu internazzjonalment mal-istess tim ta’ taħt it-23 sena u mbagħad huma jkunu evelwati mit-tim stess biex matul tul is-snin jaraw jekk jistgħux jgħaddu għal professjonisti.
B’hekk dan ser ikun pass kbir għaċ-ċikliżmu Malti li grazzi għal iktar koperazzjoni ta’ żvilupp taċ-ċikliżmu f’Malta, grazzi wkoll għall-viżjoni tal-Ministeru tat-Turiżmu l-Onor. Clayton Bartolo u Visit Malta, li flimkien ma’ Valerio Agnoli u l-Federazzjoni Maltija taċ-Ċikliżmu, qed jaħdmu flimkien għal iktar opportunitajiet ta’ żvilupp taċ-ċikliżmu lokali, iżda wkoll li xi darba Malta għad ikollha xi ċiklista professjonali.