Żewġ Bulgari nħelsu mill-akkużi li kienu parti minn kriminalità organizzata li kellha l-ħsieb li tieħu l-informazzjoni minn fuq karti bankarji tal-klijenti huma u jużaw l-ATMs. Huma ġew mixlija fl-2017 u wieħed minnhom ġie akkużat ukoll li kellu l-għodda li ntużaw fir-reat. Huma kienu ntbagħtu sitt snin u ħames snin ħabs rispettivament u ġew ordnati jħallsu aktar minn tlett elef ewro.
Iż-żewġt irġiel appellaw mis-sentenza, bil-Qorti tal-Appell Kriminali tinnota li l-Pulizija f’Malta ġiet notifikata mill-Europol li l-irġiel kienu qed jippjanaw jaħarbu lejn Sqallija biex jagħmlu reati simili hemm qabel jirritornaw Malta. Il-Qorti tal-appell qalet li m’hemmx dubju li l-irġiel kienu Malta biex iwettqu dan ir-reat, iżda dan mhux biżżejjed biex jinstabu ħatja li b’xi mod ftehmu kif u meta se jagħmluh.