Bejn il-Ġimgħa 20 u s-Sibt 21 ta’ Ottubru li ġejjin se jittellgħu attivitajiet ta’ reenectements bħala parti minn avveniment fl-istorja internazzjonali intitolat ‘A Harbour For Nations’.
Il-pubbliku Malti wkoll se jkollu l-opportunità jsegwi dawn il-preżentazzjonijiet, jieħdu sehem f’wirja interattiva u jsegwu proċessi militari flimkien ma’ attivatjiet oħrajn f’diversi lokalitajiet fil-Belt Valletta u fil-Birgu.
L-għan ta’ dan l-avveniment hu li jirriproduċi ambjent sinonimu mas-Seklu 16 fil-Port il-Kbir, waqt li l-Belt Valletta u l-Birgu se jservu bħala interpretazzjoni tal-gżira li qed tesperjenza bidla bejn l-Assedju l-Kbir fl-1565 u s-sitt snin ta’ wara fil-Battalja ta’ Lepanto.
Bis-sehem ta’ atturi fil-partijiet ta’ suldati Spanjoli, merċenarji Maltin, avventurieri Taljani, milizzji Maltin kif ukoll ċittadini u Kavallieri tal-Ordni ta’ San Ġwann se joħolqu atmosfera tal-epoka u jbiddlu ż-żona tal-Port il-Kbir f’atmosfera li tinżel fil-fond tal-kultura lokali.
L-organizzazzjoni lokali Kampanja San Michele se torganizza dawn ir-reenectments dwar kif kienet il-ħajja militari u ċivilizzata lura fi żmien il-Medjuevu u ż-żminijiet moderni bikrin.
Il-pubbliku hu mħeġġeġ li jattendi għall-avvenimenti li fihom ukoll se tittella’ prestazzjoni ta’ żmien festiv tal-gżira f’dawk iż-żminijiet.
Min jixtieq aktar tagħrif dwar l-organizzazzjoni u l-attivitajiet li se jiġu organizzati jista’ jidħol fis-sit uffiċjali – sanmichelemalta.com – jew fuq il-paġna tagħhom ta’ Facebook.