Minn persuna attiva bħala referi ewlieni tal-futbol għal ħajja ristretta bil-kundizzjoni tal-Parkinson. Dan hu Adrian Casha, minn sportiv għal moħħ ewlieni wara l-inizjattivà ‘Sport for Parkinson’ b’risq persuni, li bħalu, spiċċaw ibatu minn din il-kundizzjoni.
Wara s-suċċess tal-aħħar snin, tnediet it-tielet edizzjoni tal-attività, bħala parti mill-kampanja nazzjonali favur l-attività fiżika b’għadd ta’ dixxiplini sportivi biex kulħadd jgħix ‘Ħajja Aħjar’.
F’diskors qasir li għamel waqt konferenza tal-aħbarijiet fit-tnedija tal-attivitajiet, Casha tkellem dwar l-appoġġ inkoraġġanti li sab tul dawn l-aħħar sitt snin, kemm ilu bil-kundizzjoni tal-Parkinson. L-organizzazzjoni volontarja ‘Step Up for Parkinson’s’, li Casha jmexxi flimkien ma’ oħrajn, qed tkun ta’ spalla u toffri wens lil persuni li jgħixu b’din il-kundizzjoni newroloġika.
Hu ħeġġeġ lil assoċjazzjonijiet sportivi u l-klabbs affiljati magħhom biex itellgħu attivitajiet b’risq ‘Step Up for Parkinson’s’, ħalli jinġabru fondi li bihom ikunu jistgħu jingħataw servizzi b’xejn ta’ eżerċizzji speċjalizzati, li jtaffu mit-tbatija u r-riġidità, li ġġib magħha il-kundizzjoni.
Filwaqt li tkellem magħna dwar il-maratona televiżiva ‘Ħajja Aħjar’ fis-26 ta’ Ottubru, b’xandira diretta fuq ONE u l-importanza li l-poplu Malti jgħin bi ħġaru b’mod finanzjarju, Casha semma l-esperjenza personali tiegħu b’din il-kundizzjoni.
“Min ikollu moħħ sportiv, ikun jaf x’jiġifieri determinazzjoni, perseverenza u reżiljenza. Jien hekk ipprovajt nagħmel dawn l-aħħar sitt snin, li ili ngħix bil-kundizzjoni tal-Parkinson. Fejn jien għedt lili nnifsi, jien għandi l-Parkinson, imma l-Parkinson m’għandix lili. B’din ir-reżiljenza, jiena bqajt għaddej, bqajt ngħix il-ħajja tiegħi attiva aktar minn qatt qabel. Dan l-aħħar għamilt intervent f’moħħi biex inkun nista’ intejjeb il-kundizzjoni tiegħi, il-mod ta’ kif ngħix, għax verament nemmen li jien jistħoqqli, bħall-persuni oħrajn hawn Malta. Hawn elfejn ruħ f’Malta li jixirqilna li ngħixu ħajja aħjar.”
Matthew Pisani, Chairman ta’ SportMalta, tkellem dwar l-importanza ta’ attivitajiet bħalma hi ‘Sport for Parkinson’ u s-sehem tal-entità governattiva li jmexxi.
“L-għan ta’ din l-għaqda volontarja hi in line mal-mission statement tagħna li nkunu aktar inklussivi. Nemmnu li, bl-avveniminti ta’ SportMalta, bħall-European Week of Sport u l-Be Active Sport Malta, inkunu mezz biex ngħaddu l-messaġġ u nilħqu aktar firxa wiesgħa tal-popolazzjoni Maltija u Għawdxija.”
Is-Segretarju Ġenerali tal-Kumitat Olimpiku Malti, Kevin Azzopardi, tenna li huma kburin li jifformaw parti minn din l-inizjattiva, għax, permezz tagħha, joħroġ il-veru għan tal-isport, dak li jgħaqqad lin-nies ħalli jgħinu b’sens ta’ dover lejn ħaddieħor.
Fl-istess konferenza tkellem ukoll il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, li qal li l-isport jgħaqqad lill-poplu u l-komunitajiet ta’ pajjiżna, speċjalment meta jintuża għal mezz altruwistiku u ta’ solidarjetà biex jgħin sezzjoni tal-poplu.
Semma kif hemm ħafna okkażjonijiet fejn l-assoċjazzjonijiet, il-klabbs u l-atleti jingħaqdu flimkien biex jagħmlu dan, u l-attività ta’ ‘Sport for Parkinson’ mhijiex eċċezzjoni. Hu għalaq billi ħeġġeġ il-parteċipazzjoni wiesgħa mill-komunità sportiva għal dan il-għan nobbli.