Żewġ atleti Għawdxin, li ħadu sehem fis-Special Olympics, ġew onorati, flimkien ma’ numru ta’ sportivi oħrajn mill-Gżira tat-Tliet Għoljiet, waqt id-disa’ edizzjoni tal-Gozo Sports Awards fejn ġew ippremjati għall-avvanzi tagħhom f’diversi dixxiplini.
Fil-fatt f’din l-edizzjoni, Giuseppina Galea u Carmelo Pace ingħataw rikonoxximent speċjali għall-parteċipazzjoni tagħhom bħala parti mit-tim nazzjonali tas-Special Olympics.
Sadanittant is-serata, organizzata mill-Ministeru għal Għawdex, rat lill-isportivi Lara Calleja u Marlon Attard jirbħu t-titlu ta’ Sportivi tas-Sena.
Noel Grech ġie rikonoxxut bħala l-Atleta Attiv ta’ ’l fuq minn 45 sena u Raymond Attard ġie rikonoxxut għall-karriera sportiva tiegħu, waqt li Keira Attard u Liam Daly ġew ippremjati bħala l-aktar atleti żgħażagħ promettenti.
Il-Gozo Dream Yacht Racing Team ġie ppremjat bħala t-Tim tas-Sena. Mark Camilleri ġie rikonoxxut bħala Uffiċjal tas-Sena, filwaqt li l-Kowċ tas-Sena ħadu Franklin Grima.
Fl-indirizz tal-okkażjoni, il-Ministru għal Għawdex u l-Ippjanar, Clint Camilleri, qal li l-Gvern kommess li jkompli jinvesti fl-isportivi u fil-faċilitajiet sportivi. Spjega li, f’Għawdex, minbarra l-investiment li qed isir fiċ-Ċentru Sportiv u Akkwatiku, qed isir investiment kbira f’faċilitajiet sportivi oħrajn, inkluż fl-Albert Mizzi Stadium tal-Qala u fil-korsa taż-żwiemel f’Ta’ Xħajma.
Il-Ministru Camilleri wkoll fakkar kif, ftit tal-jiem ilu, infetħu l-applikazzjonijiet biex atleti Għawdxin jipparteċipaw fl-International Island Games li se jsiru s-sena d-dieħla f’Orkney, l-Iskozja.