Nhar il-Ġimgħa li ġej, kontinġent Malti se jħalli pajjiżna għal Pariġi biex jibda l-vjaġġ tiegħu fil-Logħob Paralimpiku, li qed jiġi organizzat wara li, fl-aħħar jiem, ġew fi tmiemhom l-Olimpjadi.
Dan il-logħob, li daqskemm hu avveniment sportiv jservi wkoll bħala dimostrazzjoni tal-inklussività, se jkun qed jara l-parteċipazzjoni ta’ żewġ atleti Maltin. Din hi t-tieni darba li pajjiżna qed jikkompeti f’dan il-logħob wara li erba’ snin ilu kien ipparteċipa f’Tokjo, il-Ġappun.
Dettalji dwar is-sehem ta’ pajjiżna fil-Paralimpjadi 2024 ingħataw f’konferenza tal-aħbarijiet indirizzata, fost l-oħrajn, mis-Segretarju tal-Kumitat Paralimpiku, Dr Julian Bajada, li ma’ dan l-istazzjon ukoll tkellem dwar l-aħħar tħejjijiet li qed isiru.
“Qegħdin fl-aħħar preparamenti, l-aħħar ġranet, qabel ma nsiefru lejn Pariġi. It-tim lest u hemm atmosfera tajba fit-tim. Pożittivi u eċċitati għal-logħob, u spettaklu kbir ta’ logħob paralimpiku f’Pariġi.”
Pajjiżna se jkun rappreżentat f’żewġ dixxiplini, li huma l-atletika u l-għawm, minn Antonio Flores u Maja Theuma rispettivament.
Għaldaqstant tkellimna wkoll ma’ Theuma, li qassmet magħna l-aspettattiva tagħha għal dan il-logħob.
“Qegħdin biss tlett ijiem ’il bogħod biex nibdew il-vjaġġ tagħna lejn Pariġi, fejn l-eċċitament qiegħed hemm u vera eċċitata biex, fl-aħħar, il-ħolma qegħda ssir realtà.”
L-entużjażmu ta’ Theuma kien espress ukoll mis-Segretarju Ġenerali, li tenna kif il-kontinġent Malti se jmur għal-logħob b’determinazzjoni kbira.
“Nisperaw li jkollna l-aħjar riżultat possibbli, naf li l-atleti huma lesti kemm fiżikament u mentalment, u li jagħtu prestazzjoni li jistgħu fil-logħob.”