Żewġ astronawti tan-Nasa li ilhom maqbuda fl-Istazzjon Internazzjonali Spazjali mis-sajf li għadda jidher li fl-aħħar jinsabu ġejjin lura lejn id-dinja fuq l-iSpaceX Crew Dragon.
Suni Williams u Butch Wilmore ħallew id-Dinja f’Ġunju 2024 għall-missjoni fl-ispazju li kellha ddum tmien t’ijiem sabiex tkun ittestjata l-kapsula Boeing Starliner. Iżda l-kapsula żviluppat diversi problemi tekniċi u għalhekk minħabba sigurtà, in-Nasa ddeċidew li jħallu ż-żewġ astronawti fl-Istazzjon Spazjali u jirritornaw l-iStarliner vojta lura lejn id-dinja.
Il-vjaġġ lura lejn id-dinja jieħu 17-il siegħa u mistennija jillandjaw tard illejla.
Dan il-vjaġġ sar possibbli wara li missjoni oħra li telqet mid-dinja f’Settembru kellha żewġ astronawti flok erbgħa sabiex fir-ritorn ikun hemm post għaż-żewġ astronawti li nqabdu hemm fis-sajf.