Fil-jiem li ġejjin, żewġ assoċjazzjonijiet se jiġu rreġistrati mal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis biex ikunu jistgħu jibdew il-proċess tal-kultivazzjoni u d-distribuzzjoni tal-kannabis.
Qal dan ma’ ONE News, il-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis, Leonid McKay li spjega kif b’dan il-pass importanti, l-assoċjazzjonijiet se jingħataw konferma li l-applikazzjoni tagħhom hija konformi mal-liġijiet u d-direttivi tal-Awtorità.
F’Malta, l-unika żewġ mezzi ta’ kif persuna tista’ tikseb il-kannabis għall-użu mhux mediċinali, huma permezz ta’ tkabbir sa massimu ta’ erba’ pjanti f’dar privata, jew permezz ta’ assoċjazzjonijiet li jkunu regolati u liċenzjati mill-Awtorità għall-Użu Responsabbli tal-Kannabis.
Leonid McKay spjega l-proċess ta’ skrutinju rigoruż li tgħaddi minnu assoċjazzjoni biex tkun liċenzjata u rreġistrata mal-Awtorità.
Qal, “Proċess li jirrigwardja l-aparti teknika, tal-kultivazzjoni, is-seating fejn se jkunu qed joperaw l-assoċjazzjonijiet. Il-parti wkoll amministrativa, minn huma dawn il-persuni, x’background għandhom, xi skop għandhom kif ukoll il-parti finanzjarja fejn l-awtorità tara li l-iskop jibqa dak li mhux għal profitt.”
Huwa żied jispjega l-pass li jmiss, ġaladarba dawn iż-żewġ assoċjazzjonijiet ikunu rreġistrati.
Qal, “L-awtorità ħa tkun qed toħroġ dak li qed issejjaħlu bħala in principle license fejn l-awtorità se tkun qed tagħti l-go ahead jibdew il-preparazzjoni biex imbagħad ikunu jistgħu joperaw u jiddistribwixxu l-kannabis. Dan huwa mument importanti għall-awtorità biex issa l-proċess tal-aħħar ftit xhur qed iħalli riżulati sbieħ biex qed iħalli l-ewwel żewġ assoċjazzjonijiet ħa jkunu reġistrati u mogħtija l-in principle license mill-awtorità.”
Leonid McKay tkellem ukoll dwar il-konferenza li l-Awtorità għamlet dwar id-dikriminalizzazzjoni, il-ġustizzja soċjali u l-iżvilupp sostenibbli, fejn qal li Steve Rolles, li huwa konsulent internazzjonali tal-politika dwar id-droga, faħħar il-liġi Maltija dwar l-użu responsabbli tal-kannabis.
Waqt il-konferenza Rolles qal ukoll li diversi pajjiżi qed iħarsu lejn il-mudell Malti bħala eżempju pożittiv ta’ riforma fil-politika dwar id-droga msejsa fuq id-drittijiet tal-bniedem u l-prinċipji tat-tnaqqis tal-ħsara, b’kuntrast ma’ dawk f’pajjiżi oħra li introduċew legalizzazzjoni relatata.