Għal darb’oħra l-festi tal-1 ta’ Mejju se joffru wkoll spettaklu għal dawk kollha li jattendu l-Belt Valletta. Din is-sena saħansitra iktar mis-soltu, bittim organizzattiv tal-Partit Laburista jaħseb ukoll għal żewġ mistiedna speċjali minn barra minn xtutna. Mistiedna magħrufa u daqshom jew iktar minnhom il-mużika tagħhom.
Il-gazzetta KullĦadd żvelat li fost dawk li se jagħtu l-ispettaklu qabel id-diskorsi politiċi fl-1 ta’ Mejju hemm Corona u Federico Scavo. Is-Segretarju Organizzattiv tal-Partit Laburista, William Lewis, sostna li ċ-ċelebrazzjoni fi Pjazza Kastilja din is-sena għandha tkun waħda mill-ikbar f’dawn l-aħħar snin. “Pajjiżna għandu bosta raġunijiet għaliex jiċċelebra. U dan kollu grazzi għall-bżulija tal-ħaddiem Malti u huwa għalhekk li qed nagħmlu sforz ikbar mis-soltu biex ikollna ċelebrazzjoni mill-isbaħ.
Mal-mistiedna barranin għandna wkoll artisti lokali li se jagħtu numru ta’ sigħat ta’ spettaklu li jagħtu pjaċir lill-eluf li se jattendu,” qal William Lewis. Corona hi kantanta li splodiet fix-xena fissnin 90 u fost l-iktar diski magħrufa tagħha hemm The Rhythm of the Night u Baby Baby. Kien fl-Italja li ħarġet l-ewwel diska tagħha u li splodiet fix-xena minnufih u saħansitra għadha popolari sal-lum.
Federico Scavo huwa DJ u producer mużikali li għandu żewġ records tad-deheb u 4 platinum. Hu għamel xogħol ma’ artisti kbar bħal Snoop Dogg, Lady Gaga, Enrique Iglesias u Jovanotti. Forsi magħruf l-iktar għal hits kbar bħal Strump u Funky Nassau. Il-filmati tiegħu fuq il-midja soċjali rawhom għexieren ta’ miljuni minn madwar id-dinja. Dinja li jdurha kontinwament bit-talenti mużikali tiegħu.
Il-Perit Lewis fakkar kif hekk kif tenna l-Prim Ministru Joseph Muscat il-Ħadd li għadda fil-Mellieħa, l-1 ta’ Mejju se jkun ukoll il-bidu ta’ vjaġġ ta’ 25 jum li jwassal sal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew u l-Kunsilli Lokali. “Hemm ir-raġunijiet kollha għaliex ilMaltin u l-Għawdxin għandhom iżommu l-1 ta’ Mejju waranofsinhar bħala appuntament mal-Partit Laburista,” temm jgħid William Lewis.