Żewġ anzjani qed isofru minn ġrieħi gravi wara li kienu nvoluti f’inċident stradali fil-Ħamrun.
L-inċident seħħ ilbieraħ filgħaxija għall-ħabta tad-21:00 fi Triq il-Kbira San Ġużepp meta seħħet ħabta bejn BMW misjuqa minn Sirjan ta’ 21 sena li jgħix Ħal Qormi, u Volkswagen Golf misjuqa minn raġel ta’ 65 sena miż-Żurrieq.
Fil-BMW kien hemm passiġġier żagħżugħ Sirjan ta’ 22 sena li jgħix Ħal Qormi, u fil-karozza l-oħra kien hemm passiġġiera anzjana ta’ 71 sena minn Birkirkara.
Kawża tal-impatt, żewġ vetturi li kienu pparkjati ġarrbu xi ħsarat.
Ambulanza ħadet lix-xufier ta’ 65 sena u lill-passiġġiera ta’ 71 sena l-Isptar Mater Dei għal aktar kura.
Iż-żgħażagħ Sirjani involuti fl-inċident ma sofrew l-ebda ġrieħi.
L-investigazzjonijiet tal-Pulizija dwar dan l-inċident qed jitmexxew mill-Pulizija tad-Distrett.