Il-linja tal-ajru nazzjonali, Air Malta se jkollha żewġ ajruplani ġodda li se jieħdu post żewġ ajruplani oħra.
Dan sar magħruf waqt laqgħa bejn il-Ministru għat-turiżmu Konrad Mizzi u l-kumpanija Airbus ġewwa Toulouse.
Flimkien ma’ delegazzjoni Maltija, il-Ministru Mizzi żar l-kwartieri tal-kumpanija Airbus fi Franza fejn hemm iddiskutew il-potenzjal ta’ numru t’inizzjattivi b’kollaborazzjoni mal-kumpanija.Waħda mill-inizzjattivi diskussi kienet dik tal-iżvilupp t’akkademja ta’ taħriġ mill-Air Malta bl-għajnuna ta’ Airbus. L-akkademja ser timmira li toffri diversi korsijiet lill-piloti. Din il-proposta ssegwi l-aħbar li l-Air Malta li għadha kif ħarrġet għoxrin pilota kadett għal Qatar Airways.
Il-kumpanija tat aġġornament fuq il-produzzjoni ta’ żewġ ajruplani ġodda tat-tip A320neo li għandhom jingħaqdu mal-flotta eżistenti fl-ewwel nofs tas-sena elfejn u dsatax.
Il-Ministru Mizzi stqarr li laqgħat bħal dawn ikomplu jgħinu lill-Air Malta tippjana rotot ġodda b’konformità mal-istrateġija tat-tkabbir tal-kumpanija.
Il-Ministru Mizzi spjega kif “Iddiskutejna numru t’inizzjattivi mal-Airbus fost dawn hija d-delivery ta’ żewġ ajruplani li se jaslu s-sena d-dieħla tat-tip Airbus A320neo fejn tawna a progress update ta’ dawn l-ajruplani f’hiex waslu fil-production cycle tagħhom u ddiskutejna wkoll il-mudell tagħhom ġdid tal-Airbus A321neo extended range. Dan huwa ajruplan interessanti għaliex jekk nikkunsidrawh jagħti lill-Air Malta possibilitajiet ġodda li naslu ferm ‘il bogħod minn xtutna.”
Il-viżjoni tal-Gvern hija ferm ambizzjuża hekk kif qed jimmira li l-Air Malta tkun il-linja tal-ajru Mediterranja li tgħaqqad l-Ewropa mal-Afrika, il-Lvant Nofsani u lil hinn.