Rapporti minn żewġ aġenziji internazzjonali ta’ kreditu jikkonfermaw stabbiltà fl-ekonomija Maltija minkejja l-impatt ekonomiku negattiv tal-pandemija li laqat lid-dinja kollha.
Dan b’kuntrast għall-mod kif fl-aħħar ġimgħat l-istess aġenziji naqsu l-prospetti għall-Belġju, għall-Latvja u għar-Rumanija minn stabbli għal negattivi. Aġenzija minnhom saħansitra naqset ir-rating għar-Renju Unit għal wieħed negattiv.
Dwar Malta, l-esperti tal-aġenzija Moody’s qalu li l-impatt negattiv tal-COVID-19 mhux mistenni jieħu fit-tul. Dan qablet miegħu l-aġenzija Fitch Ratings, li saħansitra żiedet li sas-sena d-dieħla l-ekonomija Maltija se terġa’ tibda tikber bil-kbir.
Dwar il-qasam turistiku l-esperti ta’ Fitch Ratings sostnew li din is-sena l-lukandi mistennija jilqgħu daqs nofs it-turisti li laqgħu s-sena l-oħra, li jfisser li t-turiżmu f’Malta din is-sena xorta se jkun 95% ta’ dak li kien fl-2012. Fl-istess ħin Moody’s sostniet li setturi bħal dak tas-servizzi u dak tal-igaming għandu jkollhom impatt ferm aktar moderat mill-pandemija.
Iż-żewġ aġenziji faħħru wkoll l-mod kif il-Gvern Malti wieġeb għall-pandemija, kemm mill-aspett mediku kif ukoll dak ekonomiku. Filfatt ħarsa lejn ir-rapport ta’ Fitch turi li l-pakketti ta’ għajnuna mħabbra mill-Gvern se jtaffu l-impatt negattiv fuq l-ekonomija domestika, u li Malta kienet preparata ferm aktar minn pajjiżi oħra grazzi għas-surplus konsekuttiv fil-finanzi pubbliċi bejn l-2016 u l-2019.
Moody’s żiedet tgħid li l-impatt fuq il-finanzi pubbliċi mistenni jkun temporanju u qed tbassar titjib is-sena d-dieħla, bid-dejn mistenni jkun inqas minn 50% tal-Prodott Domestiku Gross. Dan meta għal pajjiżi oħra Moody’s qed tbassar impatt aktar qawwi u fit-tul fuq id-dejn nazzjonali. B’kuntrast, il-piż tad-dejn f’Malta mistenni jibqa’ taħt is-70% ta’ dak li kien fl-2013. Dwar ir-rata ta’ qgħad f’Malta, l-esperti ta’ Fitch qalu li din se tibqa’ fil-medja ta’ mill-2013 s’issa, u mistennija tkun anqas minn dik irreġistrata tul il-kriżi finanzjarja tal-2009.
Fi stqarrija l-Gvern Malti laqa’ dawn l-aħħar rapporti dwar il-prospetti ekonomiċi għal Malta. Fuq Twitter il-Prim Ministru Robert Abela nnota wkoll li dawn l-aħħar rapporti jsegwu fiduċja f’Malta murija mill-Fond Monetarju Internazzjonali, li aktar kmieni ħareġ jgħid li Malta se jkollha l-anqas impatt ekonomiku negattiv fiż-żona ewro.
L-aħħar konferma minn Moody’s u Fitch, qal il-Gvern, turi wkoll il-fiduċja li jgawdi pajjiżna mill-fora internazzjonali. Fiduċja li abbażi tagħha l-Gvern se jkompli jmexxi lil Malta lejn riġenerazzjoni ekonomika u soċjali kif tgħaddi l-pandemija.
Fi stqarrija separata l-Ministru għall-Finanzi Edward Scicluna nnota li t-tkabbir fl-ekonomija tagħna mistenni jirkupra kważi b’mod sħiħ sas-sena d-dieħla.
Aqra wkoll:
https://www.one.com.mt/2020/04/18/il-pm-jilqa-t-tbassir-tal-agenziji-ta-kreditu-fitch-u-moodys/