Preżentament hemm żewġ abbozzi ta’ liġi mill-Parlament li jagħtu aktar setgħa u trasparenza lill-Awtorità għall-Ambejnt u r-Riżorsi, l-ERA.
Paula Axiak, Uffiċjal tal-Awtorità spjegat dwar l-abbozz 201 li għadda għat-tieni qari fil-Parlament il-ġimgħa li għaddiet.
“F’każ ta’ dannu ambjentali l-Awtorità se tkun tista’ toħroġ ordni ta’ emerġenza li hija eżekutibbli mill-ewwel. Jiġifieri, m’hemmx għalfejn li nistennew il-15-il ġurnata biex l-Awtorità tista’ tieħu d-direct action hi.”
Fil-Parlament, meta kien qed jiġi diskuss wieħed mill-abbozzi fuq l-operat tal-ERA, il-Ministru għall-Ambjent Aaron Farrugia qal li l-liġi l-ġdida se ssaħħaħ il-governanza u t-trasparenza.
Flimkien mal-bord tal-ERA se jkun hemm Kummissjoni li tisma’ u tiddeċiedi fuq permessi marbuta mal-ambjent.
Intant, fl-abbozz 221 li se jkun qed jitressaq għat-tieni qari ser tingħata aktar parteċipazzjoni lill-pubbliku f’deċiżjonijiet li tieħu l-ERA.
“Bil-proposta l-ġdida, persuna se tkun tista’ tirreġistra l-interess tagħha fil-bidu tal-proċess, tkun tista’ ssegwi l-proċess kollu, tagħmel ir-rappreżentazzjonijiet u mbagħad tkun preżenti wkoll anke dakinhar li jittieħed il-vot fil-pubbliku. B’dak l-intervent pubbliku mbgħad ħa jagħtiha saħħa biex ikollha l-interess ġuridiku biex tappella quddiem it-tribunal.”
L-Uffiċjal tal-ERA Paula Axiak żiedet tgħid li meta jidħlu fis-seħħ il-liġijiet, mistennija tiżdied l-effiċjenza.
“L-abbozz qiegħed ukoll jipproponi li jkun hemm kummissjoni tal-ambjent, tkun iddelegata l-poter mill-Bord biex tiddeċiedi f’ismu ċertu tip ta’ applikazzjonijiet li jkunu ta’ portata inqas minn dawk li jiddeċiedi l-Bord.”