Hekk kif ir-Russja qed tkompli tavvanza fil-Lvant tal-Ukrajna, il-President Ukren, Volodymyr Zelenskyy, irribatta bil-qawwa kontra dawk mill-Punent li qed jissuġġerixxu li l-Ukrajna ċċedi l-kontroll tal-artijiet okkupati mill-qawwiet Russi sabiex ikun aktar faċli li jintlaħaq ftehim ta’ paċi.
Fl-indirizz ta’ kull filgħaxija, stqarr li minn qed jitkellem b’dan il-mod qed imur kontra l-interessi tal-miljuni ta’ nies li jgħixu fiż-żoni msemmija.
Sadanittant, l-attakki qegħdin jintensifikaw madwar Donbas, Il-President Ukren akkuża lir-Russja li qed tattakka bil-forza kollha l-ibliet ta’ Liman u Popasna, fost l-oħrajn. L-attakki Russi komplew jaħsdu l-ħajja ta’ aktar nies ċivili.
Intant, il-Prim Ministru Finlandiża, Sanna Marin, żaret Irpin u Bucha, postijiet fl-Ukrajna li fil-jiem li għaddew esperjenzaw bosta atroċitajiet.
Matul il-jum tal-Ħamis, il-Kanċillier Ġermaniż, Olaf Scholz, qal li hu jinsab konvint li r-Russja mhux se tirbaħ il-gwerra fl-Ukrajna.