F’intervista fuq is-CNN, il-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky stieden lill-President ta’ Franza Emmanuel Macron sabiex iżur l-Ukrajna biex jara b’għajnejh stess, dak li Zelensky qed isejjaħ bħala ġenoċidju minn forzi Russi.
Dan l-aħħar Macron qagħad lura milli juża dan it-terminu, hekk kif tenna li mhux ċert li dak li qed jiġri fl-Ukrajna huwa eżattament it-tifsira tal-kelma.
Il-kummenti ta’ Macron wasslu wara li l-ġimgħa l-oħra l-President Amerikan Joe Biden akkuża lill-President Russu Vladimir Putin b’atti ta’ ġenoċidju.
Zelensky qal li għamel din l-istedina lil Macron, biex ikollu l-opportunità jara minn xiex inhu għaddej il-poplu tiegħu. Il-President Ukren fisser il-fatt, li l-President Franċiż qed joqgħod lura milli juża l-kelma ġenoċidju, bħala uġigħ għall-poplu Ukren.
Fil-fatt, il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Magħquda dwar il-Ġenoċidju, li l-Amerika hija firmatarja tiegħu, jagħti l-jedd li pajjiżi jistgħu jintervjenu militarment ladarba l-ġenoċidju jiġi identifikat formalment.
Storikament, l-Amerika dejjem żammet pass lura milli takkuża stati b’ġenoċidju.