It-Tlieta wara nofshinar għajnejn il-midja internazzjonali kienu fuq il-laqgħa tal-Kunsill tas-Sigurtà tal-Ġnus Magħquda, fejn ġie indirizzat għall-ewwel darba mill-President Ukren.
Hawnhekk, filwaqt li tkellem dwar il-mod inuman li bih inqatlu n-nies u x-xeni makabri li ra f’Bucha, Zelensky akkuża lir-Russja b’ġenoċidju fuq in-nies Ukreni u appella lill-mexxejja dinjija sabiex jgħinu lil pajjiżu jiddefendi lilu nnifsu.
Fil-messaġġ tiegħu qal li dan għadu m’hu xejn hekk kif fil-jiem li ġejjin, id-dinja se tibqa’ tara aktar attroċitajiet li qed isiru f’ibliet oħra fl-Ukrajna.
Zelensky qal kif l-Ukrajna għandha bżonn aktar missili u tankijiet tal-gwerra dan anke sabiex tibqa’ tieħu lura aktar bliet li nħakmu mill-qawwiet Russi.
Ma naqasx li tkellem ukoll dwar il-paċi li pajjiżu tant għandu bżonn.