Ir-Russja qed tippjana kampanja fit-tul ta’ bumbardament mill-ajru u attakki bi drones Iranjani fi sforz biex l-Ukrajna ċċedi. Dan kien il-messaġġ tal-President tal-Ukrajna Volodymyr Zelensky fl-indirizz li jagħmel ta’ kuljum.
Huwa qal dan wara li rċieva informazzjoni dwar pjan ta’ żieda fl-attakki mir-Russja. Żied jgħid li r-Russja qed tagħmel dan biex taħli l-enerġija tal-Ukreni milli jkompli jiddefendu pajjiżhom.
Fl-ewwel jumejn tas-sena diġà twaqqgħu 80 drone magħmula mill-Iranjani, bin-numru ta’ dawn l-attakki mistenni jkompli jiżdied fiż-żmien li ġej. Fil-fatt, il-militar Russu qed jagħmel aktar użu minn dawn l-armi li jolqtu l-miri tagħhom b’aktar preċiżjoni u veloċità.
Intant, ir-Russja qalet li 63 suldat minn tagħha nqatlu waqt attakk mill-Ukrajna Lejliet l-Ewwel tas-Sena, li matulu ġew sparati sitt rokits, tnejn minn dawn il-missili tniżżlu mid-difiżi tal-ajru Russi, iżda l-erba’ l-oħra niżlu fuq il-bini li kien qed jintuża bħala bażi temporanja mill-armata Russa.