Volodymyr Zelensky ippropona pjan ta’ paċi, possibilment sabiex itemm il-gwerra fl-Ukrajna, fejn qal li kien lest jaħdem b’mod kostruttiv taħt it-tmexxija b’saħħitha ta’ Donald Trump u li jiffirma ftehim li jagħti lill-Istati Uniti aċċess għall-ġid minerali ta’ pajjiżu.
F’tentattiv biex isewwi l-ħsara mal-Istati Uniti, wara li Trump issospenda l-għajnuna militari lejn l-Ukrajna, Zelensky lbieraħ iddikjara li kien lest li jpoġġi madwar il-medja tan-negozjati kemm jista jkun malajr.
Fuq il-pjattaforma ‘X’ huwa kiteb li xtaq jerġa jtenni l-impenn tal-Ukrajna favur il-paċi.
Tard ilbieraħ filgħaxija, fi żvolta mhux mistennija, iż-żewġ naħat dehru viċin li jiffirmaw ftehim kritiku dwar il-minerali fl-Ukrajna, xi ħaġa li l-Istati Uniti indikat li kienet punt kruċjali għat-taħdidiet ta’ paċi.
Mexxejja Ewropej, ilbieraħ reġgħu sostnew l-appoġġ tagħhom għall-Ukrajna hekk kif sar magħruf li l-alleati tal-Ukrajna fin-Nato ma kienux ġew avżati minn qabel dwar is-sospensjoni tal-għajnuna mill-Istati Uniti.
Sadanittant, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, Ursula von der Leyen, ħabbret proposta biex tiżdied in-nefqa tad-difiża tal-Unjoni Ewropea fejn qalet li segħet tiġbor sa €800 biljun.
Zelensky elenka pjan ta’ kif tista’ titwaqqaf il-gwerra. Bl-ewwel stadji jinkludu l-ħelsien ta’ priġunieri u l-projbizzjoni ta’ missili u drones ta’ distanza twila li qed jintużaw sabiex jiġu attakkati l-infrastruttura tal-enerġija u anke abitazzjoni tan-nies. Din it-tregwa fl-ajru tista’ wkoll tiġi implimentata fil-baħar, qal Zelensky, jekk Putin lest li jagħmel l-istess.
Il-kitba ta’ Zelensky waslet ftit sigħat wara li l-amministrazzjoni ta’ Trump ħabbret li kienet se twaqqaf il-konsenja ta’ munizzjon, vetturi u tagħmir ieħor, inklużi dawk miftiehma fi żmien meta kien President Joe Biden.