Il-President tal-Ukrajna, Volodymyr Zelensky faħħar il-ftehim li ġie ffirmat ilbieraħ fit-Turikija bejn l-Ukrajna u r-Russja, li permezz tiegħu ir-Russja se tħalli ssir l-esportazzjoni tal-qamħ mill-portijiet Ukreni li jagħtu għall-Baħar l-Iswed.
Zelensky qal li hemm madwar għaxar biljun dollaru f’qamħ li jrid jiġi esportat mill-Ukrajna, u li dan hu meħtieġ sabiex tittaffa l-kriżi tal-ikel madwar id-dinja.
Madanakollu, il-President Ukren qal, li minkejja li dan kien pass importanti, il-gwerra se tibqa’ għaddejja diment illi t-teritorji li ħatfet ir-Russja ma jingħatawx lura lill-Ukreni.
Intant, l-Amerika wegħdet aktar appoġġ militari għall-Ukrajna, fosthom drones; filwaqt li qed tagħmel xogħol preliminari dwar jekk tibgħatx ajruplani tal-ġlied, hekk kif il-gwerra fl-Ukrajna issa se tidħol fis-sitt xahar tagħha.