Il-President Ukren Volodymyr Zelensky neħħa lill-Ministru għad-Difiża Ukren Oleksii Reznikov filwaqt li nnomina lil Rustem Umerov biex ikun is-suċċesur tiegħu.
Reznikov kien ilu l-Ministru għad-Difiża sa minn qabel bdiet il-gwerra fl-Ukrajna u l-midja Ukrena qed tispekola li hu mistenni jkun nominat għall-pożizzjoni ta’ ambaxxatur Ukren għar-Renju Unit, hekk kif hu diġà għandu relazzjonijiet tajba mal-politiċi Brittaniċi.
Fil-fatt, hu kien protagonist mill-bidu tal-gwerra fl-Ukrajna u ta’ spiss attenda għal laqgħat importanti mal-alleati Ukreni b’mod partikolari fejn jidħlu negozjati għal għajnuna militari li l-Ukrajna talbet sa mill-bidu tal-gwerra.
Zelensky ħabbar it-tneħħija tal-Ministru tiegħu fid-diskors li jagħmel ta’ kull filgħaxija fejn stqarr li wasal iż-żmien l-Ukrajna tieħu approċċ differenti fil-qasam tad-difiża.