Raġel ta’ 35 sena miż-Żejtun weġġa’ gravi wara li kien involut f’inċident tat-traffiku f’Ħaż-Żabbar.
L-inċident seħħ għall-ħabta tas-2.00 ta’ dalgħodu fi Triq is-Santwarju.
Mill-ewwel stħarriġ irriżulta li r-raġel, kien passiġġier ġo karozza Toyota Corolla, misjuqa minn raġel ta’ 24 sena, wkoll miż-Żejtun, u li għal xi raġuni tilef il-kontroll tal-karozza u ħabat ma’ mutur Honda li kien ipparkjat.
Tim mediku ta’ l-ewwel għajnuna lill-passiġġier u wara ttieħed l-Isptar Mater Dei għal aktar kura. Is-sewwieq ma sofra l-ebda ġrieħi.
Il-Pulizija għadha għaddejja bl-investigazzjonijiet dwar il-każ.