Il-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma ħabbret li waqt li kienet qed taħdem fuq sistema ġdida tal-ilma, għamlet sejba importanti fiż-Żejtun.
Waqt it-tħaffir, li kien qed jiġi ssorveljat arkeoloġikament skont il-proċeduri, persuna ingaġġata mill-Korporazzjoni għas-Servizzi tal-Ilma u s-Sovrintendenza tal-Wirt Kulturali (SCH) identifikat dak li deher li kien sit arkeoloġiku.
L-SCH ikkonfermaw li nstabet barriera antika, li possibilment tmur lura għall-perjodu klassiku. Din hija sejba sinifikanti, peress li titfa’ dawl fuq l-istorja rikka u kumplessa li tinsab litteralment taħt riġlejna.
“Filwaqt li eċċitati dwar il-possibbiltà li sibna barriera Rumana, nifhmu wkoll li data preċiża ma tistax tiġi attribwita għall-fdalijiet f’dan l-istadju, peress li dawn ġew esposti biss parzjalment u għad iridu jiġu investigati. Ninsabu ħerqana li niskopru aktar, hekk kif l-investigazzjoni tavvanza,” qalet il-Korporazzjoni.
Fid-dawl ta’ din l-iskoperta, bħalissa qed titfassal mill-ġdid ir-rotta fit-trinka li qed issir, biex ikun protett dan is-sit arkeoloġiku.
“Nifhmu li dan jista’ jikkawża xi dewmien fil-proġett, iżda nemmnu li l-preservazzjoni tal-wirt tagħna hija ta’ importanza kbira,” qalet il-Korporazzjoni.
Temmet tgħid li se żżomm lill-pubbliku aġġornat hekk kif isiru jafu aktar dwar din is-sejba notevoli.