Iċ-ċelebrazzjoni folkloristika ta’ Żejt iż-Żejtun se tirritorna għas-sittax-il darba fiż-Żejtun.
Din se tittella’ nhar is-Sibt 24 ta’ Settembru mis-7:30 ta’ filgħaxija ’l quddiem u l-għada l-Ħadd 25 ta’ Settembru sa nofsinhar.
L-attivitajiet jinkludu l-ħruġ tad-defile’ tal-Granmastru u prestazzjoni dwar il-varjetà taż-żebbuġ, fejn se jingħata żejt frisk ma’ ftajjar biż-żebbuġ.
Qal, “Dis-sena qed niċċelebraw il-250 sena li ż-Żejtun saret Citta’ Beland, allura ħa jkollha daqsxejn xejra differenti, anke Granmastru, flok Perellos, se jkollna lill-Granmastru Hompesch.”
Se jkun hemm ukoll bejgħ ta’ bosta prodotti tradizzjonali Maltin u kotba ta’ riċetti li jinkludu l-użu taż-żejt taż-żebbuġa.
Din l-attività mtella’ mill-Kunsill Lokali, se tinkludi wkoll għana, żfin folkoloristiku, snajja’ u artiġġjanat Malti. Se jkun hemm ukoll għall-bejgħ siġar taż-żebbuġ u prodotti agrikoli.
Qalet, “Se jkollna ħafna wirjiet, ħafna attivitajiet, żfin folkloristiku minn tnax-il pajjiż differenti. Se tkun varjata u għall-gosti ta’ kulħadd.”
Matul din l-attività, il-Knisja Parrokkjali, l-Oratorju, l-Karnirja u s-Sala Parrokkjali, se jkunu esebiti għall-pubbliku. Se jkun hemm ukoll wirjiet fil-Pandora u l-każini tal-baned.
Din il-festa tilħaq il-qofol tagħha l-Ħadd filgħodu bit-tberik tal-annimali ħdejn il-Knisja ta’ San Girgor.