Fil-ħamsa u għoxrin anniversarju ta’ Euro Disney f’Pariġi, ftit tal-jiem oħra kontinġent ta’ żeffiena Maltin, immexxi minn YADA Dance Studios, se jirrappreżentaw lil pajjiżna.
ONE News żar l-istudjos f’San Ġwann, fejn tard il-Ħadd wara nofsinhar, ‘Il fuq minn sebgħin parteċipant kienu għaddejin bl-aħħar preparamenti għall-avveniment tant mistenni.Felix Busuttil qalilna li l-preparament ilhom għaddejin minn Jannar, u x-xogħol qed jinqasam bejn erba’ koreografi, li lkoll jgħallmu parti miż-żifna liż-żeffiena.
Hu qal li għalih, u għall-kulleġġ, din hi esperjenza sabiħa mmens, u li jħossu onorat ferm li se jtella’ isem pajjiżna hemm fuq.
Staqsejna lil uħud miż-żeffiena x’qed jistennew, u xi tfisser għalihom din l-esperjenza fejn sostnew li din hi esperjenza unika u vera sabiħa li jinsabu ferm eċitati għaliha.
Felix temm billi ħeġġeġ lill-Maltin kollha li fid-disgħa u għoxrin ta’ Marzu se jkunu f’Pariġi, biex jirrikorru f’Videopolis f’Disney Land, u jmorru jagħtu sapport xieraq lit-tim Malti.