Fix-xatt ta’ Bormla, il-Fondazzjoni Marigold varat zebra crossing miżbugħa bil-kulur roża. Kulur li, f’dan ix-xahar li għadna kemm bdejna, hu sinonimu biex iqajjem aktar għarfien dwar il-kanċer fil-kampanja nazzjonali Pink October – Movember.
It-tnedija ta’ din iż-zebra crossing partikolari sar miċ-Chairperson tal-Fondazzjoni Marigold, Michelle Muscat, iċ-Chairman tal-Fondazzjoni Kottonera, Joe Mizzi, flimkien ma’ sindki u kunsillieri mill-kunsilli lokali tal-Kottonera.
Bit-tema ‘The Power Within’, il-kampanja edukattiva nazzjonali Pink October – Movember tnediet fl-aħħar ta’ Settembru taħt il-patroċinju tal-President tar-Repubblika Myriam Spiteri Debono u fil-preżenza tal-Ministru għas-Saħħa Jo Etienne Abela.
Din is-sena din għandha l-għan li tqajjem aktar kuxjenza dwar ħames tipi ta’ kanċers differenti, waqt li jinġabru fondi li se jkunu qed jintużaw fi proġett ieħor tal-fondazzjoni.