Zebbug R. kisbu rebħa konvinċenti u tliet punti prezzjużi meta għelbu l-isfida ta’ Pietá Hotspurs bl-iskor ta’ 2-0, biż-żewġ goals għalihom jaslu fit-tieni taqsima.
Kienu Zebbug li ħolqu l-ewwel periklu fis-16-il minuta meta Jeferson Macedo kellu xutt mill-viċin li ġie salvat tajjeb mill-goalkeeper tal-Hotspurs, Simone Moschin.
Pietá wieġbu fil-45 minuta meta Terence Agius qabbeż il-ballun minn fuq il-goalkeeper ta’ Zebbug, Jamie Azzopardi, iżda l-captain Randall Vella kien pront u salva tajjeb minn fuq il-linja fatali.
Zebbug fetħu l-iskor fil-51 minuta meta wara li rċieva minn kross mil-lemin ta’ Stdan Jankovic, Jeferson Macedo, permezz ta’ xutt b’saħħtu fil-baxx minn pożizzjoni ideali tefa’ ġewwa.
Pietá wieġbu ħames minuti wara u kienu sfortunati li ma ġabux l-iskor indaqs meta Kian Leonardi kellu xutt minn ġol-kaxxa li stampa mal-wieqfa.
Ir-Rangers reġgħu ħolqu l-periklu fl-74 minuta meta Charles Lokoli Ngoy xeħet kross lejn Roberto Enrique Sanchez li kellu x-xutt tiegħu mblukkat minn Alan David Schembri Wismayer.
Huma komplew jippressaw u ssiġillaw ir-rebħa permezz tat-tieni gowl fit-80 minuta meta wara li rċieva minn kross pinġut ta’ Roberto Enrigque Sanchez, Henrique Marcelino Motta, permezz ta’ daqqa ta’ ras mill-viċin tefa’ ġewwa.
Fil-85 minuta, Pietá, qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 players meta tkeċċa għalihom il-player Atanda Ogungbe Aniu wara li rċieva żewġ karti sofor fil-partita.
Referee: Malcolm Spiteri
Player tal-Logħba: Charles Lokoli Ngoy (Żebbuġ)