Hekk kif żdiedet ir-rata ta’ twelid, żdiedu wkoll it-tewmin imwielda matul is-sena li għaddiet. Fi statistika riċenti maħruġa mid-Direttorat għall-informazzjoni u r-Riċerka tas-Saħħa, jidher li t-tewmin imwielda laħaq numru rekord u dan mhux biss għax in-numru ta’ trabi li twieldu matul is-sena li għaddiet kompla jisboq dak ta’ snin imgħoddija.
Ekonomija b’saħħitha tippreżenta numru ta’ opportunitaijiet għal eluf ta’ persuni. Opportunitajiet li ġabu żieda fin-numru ta’ barranin jgħixu Malta.
Stħarriġ li jinnota bidliet fl-ammont ta’ trabi li jitwieldu f’sena wera li matul is-sena li għaddiet kien hemm żieda notevoli. Madankollu din ma kinitx biss xogħol il-Maltin għax kważi għoxrin fil-mija tal-ommijiet li welldu ma kinux Maltin.
One News tkellem mal-ġinekologu l-professur Mark Bricnat dwar dawn ir-riżultati.
Minn total ta’ erbat elef, hames mija, ħamsa u ħamsin ħlas kien hemm sitta u disgħin każ li welldu tewmin filwaqt li tnejn minnhom welldu tlett itrabi. Minkejja ż-żieda f’dawn it-tip ta’ każijiet huma biss tnejn fil-mija ċ-ċansijiet ta’ tqala b’numru ta’ trabi.
Il-mistoqsija tiġi waħedha: X’kien il-kaġun ta’dan l-ammont rekord? Dr Brincat qal li l-maġġoranza tagħhom jibqgħu fenomenu naturali iżda bis-saħħa tat-teknoloġija avvanzata tal-lum żdiedu l-mezzi ta’ kif persuna ssir ġenitur.
Mija, disa’ u tletin omm kienu rreġistrati li għamlu intervent mediku bħall-IVF biex ikunu jistgħu jinqabdu tqal. Fil-fatt sebgħa u għoxrin tqala b’iktar minn tarbija waħda kienu mgħejjuna minn diversi mezzi ta’ teknoloġija riproduttiva.