Il-fenomenu tal-low cost airlines fl-aħħar snin bidel ukoll iż-żjarat fis-siti storiċi ta’ pajjiżna. Dan jirriżulta mir-rapport annwali ta’ Heritage Malta li mmarka kif filwaqt li fl-imgħoddi kienu l-gruppi l-iktar li jagħmlu żjarat fis-siti tagħha, illum il-ġurnata huma l-individwi li jagħmlu dan. Sa 10 snin ilu 36% tat-turisti li jżuru s-siti storiċi kienu parti minn gruppi u llum dan niżel għal 21% biss.
Heritage Malta kellha iktar minn 1,300,000 viżitatur bi ħlas is-sena li għaddiet. Numri importanti għaliex 85% tad-dħul ta’ din l-entità huwa marbut mad-dħul tal-viżitaturi. Il-pubblikazzjonijiet u l-ispejjeż ta’ konservazzjoni b’6% kull wieħed jagħmlu t-tieni sors tad-dħul l-iktar b’saħħtu.
It-tempji tal-Ġgantija f’Għawdex baqgħu l-iktar sit popolari man-nies u warajhom it-tempji megalitiċi ta’ Ħaġar Qim. Tal-ewwel, żaruhom iktar minn 200,000 persuna u f’tat-tieni, daħlu iktar minn 170,000 ruħ. L-Imnajdra wkoll kellhom numru kbir ta’ viżitaturi tant li qabżu l-117,000 persuna. Is-sena d-dieħla mistenni jiġbed interess kbir ukoll il-mużew tal-arti MUŻA.
Tliet siti popolari oħra li kellhom viżitaturi bejn 73,000 u 85,000 kienu l-Mużew tal-Arkeoloġija, il-mużew tal-gwerra u l-armerija. Fil-każ tal-mużew tal-arkeoloġija kellha rwol importanti ħafna l-wirja tax-xabla ta’ La Valette tant li l-viżitaturi żdiedu b’40% meta mqabbel mas-sena ta’ qabel.