Matul is-sena akkademika 2018-2019 kien hawn kważi sitta u għoxrin elf persuna (25,863) f’Malta li daħlu f’istituzzjoni post-sekondarja u terzjara.
Dan fisser żieda ta’ kważi wieħed fil-mija (0.9%) fuq is-sena akkademika ta’ qabel.
Skont statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, kien hemm 16,068 student li daħlu biex jistudjaw fl-Università matul is-sena akkademika 2018-2019.
Dan fisser żieda ta’ 5.6% fuq is-sena ta’ qabel.
Aktar min-nofs dawn l-istudenti kienu nisa.
Fil-fatt 56.8% ta’ dawk li daħlu biex jistudjaw fl-Università kienu nisa.
Iktar minn żewġ terzi ta’ dawk li daħlu għall-edukazzjoni terzjarja jiġifieri 68.8% tal-istudenti kienu se jibdew jistudjaw full-time.
Fuq is-sena akkademika ta’ qabel, żdiedu l-istudenti li bdew jistudjaw part-time.
Hawnhekk 14.2% aktar tal-istudenti daħlu biex jistudjaw part-time fl-Università.
L-akbar żieda ta’ studenti li daħlu l-Università kienu ġejjin minn lokalitajiet bħal fil-Kottonera, il-Belt, il-Furjana il-Marsa, Ħaż-Żabbar u l-Fgura.
Fil-fatt f’dawn l-inħawi, iż-żieda ta’ studenti li daħlu l-Università kienet tlaħħaq il-11.4%.