Ċifri mill-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika juru li matul is-sena li għaddiet, aktar familji bdew jirriċiklaw l-iskart organiku, li l-biċċa l-kbira tiegħu jiġi mill-ikel.
L-istatistika turi li l-iskart organiku mormi fil-borża l-bajda żdied bi kważi erba’ darbiet fuq is-sena ta’ qabel.
L-NSO attribwixxa din iż-żieda għall-fatt li fl-elfejn u dsatax kienet l-ewwel sena sħiħa li matulha nġabar l-iskart organiku, wara li l-proġett ġie estiż mal-pajjiż kollu fl-aħħar t’Ottubru tal-elfejn u tmintax.
Iċ-ċifri juru li b’mod globali l-iskart iġġenerat is-sena li għaddiet żdied b’aktar minn tlieta u għoxrin elf tunnellata meta mqabbel mal-elfejn u tmintax, għal total ta’ kważi tliet mija u ħamsin elf tunnellata.
Il-maġġoranza tal-iskart fl-elfejn u dsatax, madwar tlieta u tletin fil-mija, inġabar mill-Kunsilli Lokali f’boroż suwed. Skart ieħor inġabar mill-impjanti ta’ skart goff, mit-tindif li jsir fit-toroq u mill-Bring-in sites.
Kważi żewġ terzi tal-iskart riċiklat fl-elfejn u dsatax kien magħmul minn karti u kartun, segwit minn ħġieġ u plastik rispettivament.