Fl-ewwel tliet xhur ta’ din is-sena, komplew jiżdiedu l-Maltin li siefru meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena l-oħra.
Dan joħroġ minn ċifri tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, fejn jirriżulta li ċ-ċittadini, li siefru bejn Jannar u Marzu ta’ din is-sena, kienu jgħoddu għal 181,403.
In-nefqa ta’ dawk li marru għal btala f’dan il-perjodu wkoll żdiedet fuq l-istess tliet xhur tal-2024.
Fil-fatt il-Maltin nefqu mal-€171 miljun, b’żieda ta’ €10 miljun fuq l-istess perjodu sena qabel, indikazzjoni tal-likwidità qawwija li teżisti fost il-poplu tagħna, differenti minn ħafna oħrajn.
Skont l-NSO, 52% tal-Maltin li siefru f’dan il-perjodu għandhom bejn il-25 u l-44 sena, waqt li l-aktar pajjiżi popolari kienu l-Italja, ir-Renju Unit u Spanja.