Fl-2017 Malta rat żieda fit-tkabbir ekonomiku ta’ 9%, filwaqt li f’Għawdex żdied saħansitra b’10.9%.
L-ikbar tkabbir kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex waslu fl-oqsma professjonali, xjentifiċi u tekniċi.
Dan jirriżulta minn statistika tal-Uffiċċju Nazzjonali tal-istatistika, li tħares lejn diversi aspetti ta’ ħajjietna.
L-istatistika turi fl-2017, il-ħaddiema full-time qabżu l-187,000, jiġifieri żieda ta’ 6.3% fil-mija fuq l-2016.
B’6.7%, iż-żieda fil-ħaddiema f’Għawdex kienet ikbar, b’dawk b’impjieg full-time telgħu għal kważi 13,300.
Joħroġ ukoll li ftit iktar minn 4,000 tifel u tifla kienu qed jattendu f’ċentru għall-ħarsien tat-tfal, b’79% jibbenfikaw miċ-ċhildcare b’xejn offrut mill-Gvern.
Fl-Università ta’ Malta kien hemm iktar minn 11,000 student full-time u part-time, bi ftit iktar minn 58% fil-mija minnhom kienu nisa.
Barra minn hekk l-istatistika ssostni li l-popolazzjoni ta’ Malta qabżet l-475,701, bl-ikbar sezzjoni tkun dik ta’ bejn it-30 u 39 sena.
Żdiedu wkoll il-vetturi liċenzjati fl-2016 bl-għadd jitla’ għal kważi 390,000.
Min-naħa l-oħra, l-inċidenti tat-traffiku fl-2016 , naqsu b’aktar minn 3% meta mqabbel mal-2015. Intant in-numru ta’ kontravenzjonijiet minn speed cameras qabeż it-73,257 waqt li patronaġġ fuq tal-linja kien ta’ 43,452,238.