Żblokk fis-sitwazzjoni tar-rimi ta’ skart ta’ kostruzzjoni fil-barrieri.
Dan hekk kif barriera partikolari fiż-Żurrieq qed tirċievi l-iskart tal-kostruzzjoni biex b’hekk tat ftit tan-nifs lill-industrija tal-kostruzzjoni.
Il-Ministru Herrera stqarr, “Illum ġejt mgħarraf pereżempju illi l-barriera illi kienet qed tilqa’ l-iskart minn kulħadd qed terġa’ tilqa’ l-iskart minn kulħadd. Jiġifieri jista’ jkun li kien hemm żmien meta kienet magħluqa pero jiena mgħarraf dalgħodu stess illi hemm żbokkament, diġà jidher li hemm żbokkament f’din il-kwistjoni għax din il-barriera, in-naħa taż-Żurrieq qiegħda din qed terġa’ tilqa’ l-iskart u mgħarraf li tista’ tiflaħ għal sentejn, tlieta oħra.”
Minkejja dan l-iżblokk, il-Ministru għall-Ambjent Josè Herrera spjega ma’ dan l-istazzjon li l-Gvern għandu dritt bil-liġi li jintervjeni.
“Nissekwestra volumi minn dik il-barriera u nimmaniġja jien. Issa jew nimmaniġja tramitè l-Wasteserv jew ninomina xi ħadd jien u l-iskart jintefa’ f’dik il-barriera. Dawn jistgħu jkunu wieħed, jistgħu jkunu tnejn, jistgħu jkunu tlieta u l-propjetarju jew lil min tgħajjat il-barriera jitħallas skont il-prezz xieraq.” Kompla jgħid il-Ministru Herrera.
Il-Ministru Herrera saħaq li l-Gvern ma jistax jagħmel rekwiżizzjoni jew jikkonfiska barrieri u saħaq li min qal hekk kien qed jinterpreta ħażin il-liġi.
Il-Gvern kien ta għajnuna fiskali lil operaturi tal-barrieri sabiex il-prezzijiet f’dan il-qasam ma jisparawx ‘il fuq.
Ġie rimarkat li l-iżviluppaturi għandhom ukoll obbligu li jagħmlu l-arranġamenti meħtieġa biex jaraw fejn se jitfgħu l-iskart tal-kostruzzjoni b’mod regolat.
Din is-sitwazzjoni waslet wara li barrieri li kienu qegħdin jilqħgu l-iskart ta’ kostruzzjoni mingħand il-kuntratturi waqfu ħesrem jagħmlu dan b’impatt dirett fuq is-settur tal-kostruzzjoni.