Dilettanti u xerrejja potenzjali tal-karozzi fiċ-Ċina ħasbu li missithom xorti kbira, hekk kif reklam onlajn għal karozza sportiva lussuża ġie ppubblikat bi prezz inkredibbli.
Id-ditta Porsche fil-belt ta’ Yinchuan ħarġet vettura ġdida fjamanta għall-prezz ta’ 124,000 wan, jiġifieri €24,205. Dan huwa biss frazzjoni tal-prezz tal-karozza Panamera, li prezzha, mingħajr ebda aċċessorji, jibda minn €135,543.
Din l-offerta, ippubblikata fit-30 ta’ Jannar, ġibdet il-għajn ta’ mijiet ta’ xerrejja li għaġġlu biex jiksbu dak li deher li kien bargain qawwi.
Kelliem għall-produttur tal-karozza Ġermaniża qal lill-BBC li l-promozzjoni “kien fiha żball serju fil-prezz elenkat”, u tneħħiet immedjatament mill-pubblikazzjoni.
“Peress li kien hemm vettura waħda biss fl-istokk, Porsche Center Yinchuan kellhom jikkomunikaw mal-ewwel klijent li ħallas biex jirriserva l-karozza tiegħu għall-prezz baxx, u ma’ dan il-klijent innegozjajna riżultat aċċettabbli,” qal f’isem id-ditta.
Il-kumpanija kkuntattjat lil kull klijent li ordna l-karozza individwalment, spjegat is-sitwazzjoni u għamlet apoloġija. Il-klijenti interessati laħqu ħallsu l-miżata ta’ riservazzjoni ta’ 911 wan, li ngħatat lura lilhom.