Tifla li kienet dikjarata bħala waħda mir-rebbieħa fl-ewwel tlett postijiet ta’ Sanremo Junior 2017 kienet kostretta tgħaddi t-trofew lil tifla oħra wara żball fit-tħabbira tar-riżultati.
Fis-sala tal-iskola Sant’Agata, nhar is-Sibt ixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjon nazzjonali, is-selezzjoni tal-festival Malti għal Sanremo Junior.
F’kummenti ma’ one.com.mt, l-organizzatriċi tal-festival, Antonella Vassallo spjegat li fit-tielet kategorija kien hemm żball meta ssejħet il-kantanta propja li kellha tikseb il-premju iżda ġie mgħajjat ħażin it-titlu tal-kanzunetta abbinata mal-kantanta.
Hija kkonfermat li wara li għalqet ix-xandira diretta u għalhekk il-festival suppost intemm għal kollox, il-kantanta abbinata mat-titlu mhux korrett tal-kanzunetta kellha tgħaddi t-trofew lil kantanta li filfatt rebħet il-premju.
Vassallo saħqet li kien hemm żbalji oħra u li ġew evitati waqt ix-xandira diretta.
“Ridt nikkoreġi kollox u assigurajt li r-riżultat li ħareġ fil-preżenza ta’ nutar ikun wieħed ġust”, saħqet l-organizzatriċi.
Dan is-sit huwa infurmat li nhar l-Erbgħa se ssir laqgħa mal-ġenituri tal-kantanti sabiex tiġi spjegata s-sitwazzjoni.
Il-votazzjoni saret permezz ta’ vot minn ġurija u l-pubbliku li segwa l-festival. It-televoting fetaħ fil-bidu tal-festival qabel tkantaw il-kanzunetti u għalaq f’inqas minn minuta wara li tkantat l-aħħar kanzunetta.