Tfajla ta’ dsatax –il sena, li fl-2015 kienet weħlet multa wara li ġiet mixlija li għamlet ħsara fuq żewġ muturi, ġiet illiberata minn kull akkuża wara li nstabilha żball fid-data fuq id-dokument tal-akkuża.
Nicole Anne Testa kienet instabet ħatja li f’inċident tat-traffiku f’Mejju ta’ sentejn ilu, kienet għamlet ħsara fuq żewġ muturi minħabba sewqan traskurat u perikoluż.
Għal dan, ġiet immultata €400 u ordnata tħallas €2,000 oħra fi spejjeż tal-Qorti.
Madanakollu, għalkemm l-inċident seħħ fit-tmienja ta’ Mejju, fuq id-dokument tal-akkużi kien hemm miktub li l-inċident seħħ tlett’ijiem qabel.
Għaldaqstant, fid-dawl li l-Qorti titlob preċiżjoni fid-dati u l-ħin tal-inċidenti, il-Qorti laqgħet l-appell u rrevokat is-sentenza.