Għat-tieni darba f’anqas minn xahar, l-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika, l-NSO, ħareġ stqarrija fejn indika l-Partit Nazzjonalista qed jigdeb fuq statistika uffiċjali.
Dan dwar stqarrija mid-deputati Nazzjonalisti Jerome Caruana Cilia, Ivan J. Bartolo u Ivan Castillo, li sostnew li statistika Ewropea kienet tindika li l-pagi f’pajjiżna huma fost l-aktar baxxi fl-Unjoni Ewropea u ilhom staġnati għal tmien snin sħaħ.
L-NSO kkjarifikat li dak li skont il-Partit Nazzjonalista kienet statistika fuq il-pagi fir-realtà kienet statistika dwar kemm jiswa lil min iħaddem biex jimpjega ħaddiema fil-pajjiżi diversi fl-Unjoni Ewropea.
L-Uffiċċju Nazzjonali tal-Istatistika sostna li meta wieħed iħawwad kejl tal-pagi ma’ kejl tal-piż finanzjarju biex jimpjega lil xi ħadd huwa inkorett.
Ġie spjegat kif bidliet fit-taxxi u r-rati ta’ bolla jimpattaw b’mod konsiderevoli fuq l-indikatur li skont il-Partit Nazzjonalista huwa kejl ta’ pagi.
Fil-fatt l-istatistika mill-Eurostat, li ġiet użata b’mod ħażin mill-Partit Nazzjonalista tindika b’mod ċar li pajjiżna għandu l-anqas piż ta’ taxxi u bolla fuq il-ħaddiema.
Ta’ min ifakkar li taħt Gvern Laburista, dawn il-piżijiet qatt ma żdiedu.
Dan juri biċ-ċar id-dagħdigħa populista tal-partit ta’ Bernard Grech, li qabdu u dawru fatt pożittiv – dik li l-piż fuq min iħaddem f’Malta huwa baxx u baqa’ stabbli maż-żmien – f’ħaġa ħażina u li skonthom hi wirt ħażin tal-politika ekonomika tal-Partit Laburista. Dan waqt li sejħu għal bidla fil-mudell ekonomiku.
Dwar dan irrapportat il-gazzetta KullĦadd, li rrapportat kif frott id-dilettantiżmu u nuqqas ta’ kompetenza ekonomika u statistika, lanqas biss indunaw li f’pajjiżna huwa impossibli li l-pagi ma jiżdidux sena wara sena għax teżisti l-COLA. Dan apparti li mill-bidu ta’ din is-sena reġgħet żdiedet taħt Gvern Laburista, il-Paga Minima Nazzjonali.