Id-Deputat Laburista, Edward Zammit Lewis, permezz ta’ post fuq Facebook, innota l-imminar li sar fil-proċess li mar għalih hu – dak ta’ Imħallef fil-Qorti Ewropea, wara sejħa pubblika.
Zammit Lewis, tkellem dwar dan il-proċess kompetittiv f’Malta, li kien ippresedut mill-Imħallef Irtirat Antonio Mizzi, u li seta’ japplika għalih kull min ikollu l-kwalifiċi neċessarji.
Huwa spjega kif it-Tlieta, attenda għal interview fi Brussell, wara xhur ta’ preparamenti u sagrifiċċji personali, fejn ġie mistoqsi fost l-oħrajn dwar ħwejjeġ oħra li m’għandhomx x’jaqsmu mal-pożizzjoni li kien innominat għaliha, filwaqt li esprima d-dubju tiegħu.
Innota, kif kien hemm uħud li għall-interessi personali, ipprovaw jimminaw din in-nomina minn ġewwa u minn barra u mhux l-interess nazzjonali – fosthom il-Partit Nazzjonalista.
Dr Zammit Lewis tkellem dwar kif dawn saħansitra kitbu lill-Kumitat t’Esperti – li kellu jidher quddiemu skont it-trattat tal-Unjoni Ewropea, b’allegazzjonijiet bla bażi u li qatt ma waslu mkien.
Huwa temm jgħid li dan kien assassinju ta’ karattru, iżda l-akbar ħsara saret lil pajjiżna, filwaqt li stqarr li se jkompli bil-ħidma tiegħu fil-Parlament Malti, għall-ġid ta’ pajjiżna.
Sadanittant, il-Ministru għall-Ġustizzja Jonathan Attard irreaġixxa għal din l-aħbar, f’kitba fuq il-midja soċjali. F’isem il-Gvern, huwa esprima l-gratitudni lejn l-Avukat Zammit Lewis għall-impenn tiegħu fit-tħejjija għal dan il-proċess. Intqal li l-perseverenza tiegħu quddiem dawk li l-interessi tagħhom jmur lil hinn mill-kompetenza u l-ħiliet tal-kandidat Malti, hi tassew ta’ minn ifaħħarha.