Il-Kelliema tal-Partit Nazzjonalista għall-Kultura, Julie Zahra, ma tafx min jorganizza l-avveniment popolari Rockestra minkejja li, f’Awwissu li għadda, kienet preżenti u tkellmet fit-tnedija ta’ dan il-kunċert b’għan filantropiku.
Dan ħareġ minn domandi parlamentari, li fihom staqsiet ukoll kemm jitħallsu artisti oħra.
Rockestra hu kunċert li ilu jiġi organizzat għal diversi snin mill-Uffiċċju tal-President ta’ Malta b’risq il-Community Chest Fund.
Iżda, il-kelliema tal-Partit Nazzjonalista, jidher li għandha xi problema b’dan il-kunċert. Il-Ministru responsabbli mill-Kultura, Owen Bonnici, tkellem fil-Parlament dwar domandi Parlamentari li għamlitlu tistaqsi fuq għadd ta’ temi marbuta ma’ dan il-kunċert b’għan nobbli.
Fuq quddiem nett, Zahra staqsiet numru kbir ta’ domandi fuq l-ispiża.
Fost l-oħrajn, riedet sodisfazzjon dwar kemm tħallsu l-artisti u l-Ministru Bonnici weġibha li Rockestra mhix fid-dekasteru tiegħu għax ma jorganizzahiex il-Gvern. Bħallikieku dan ma kienx biżżejjed, reġgħet staqsiet min jorganizzaha għat-tieni darba wara li Bonnici infurmaha li ma jorganizzahiex hu.
Waqt diskors fil-Parlament, il-Ministru Bonnici qal li baqa’ ma setax jemmen kif Zahra għamlet dawn id-domandi.
Huwa nnota wkoll domandi oħra ta’ Zahra, fosthom dawk dwar kemm jitħallas it-tenur Joseph Calleja bħala Ambaxxatur tal-Kultura.
Il-Ministru Bonnici informaha li ta’ dan l-irwol it-tenur ta’ fama internazzjonali ma jitħallasx.