Żagħżugħa ta’ 25 sena li kienet passiġġiera fuq mutur, ġarrbet ġrieħi serji wara inċident fis-Siġġiewi.
Il-każ seħħ illum, għall-ħabta tas-siegħa ta’ waranofsinhar fi Triq Blat il-Qamar.
Minn stħarriġ preliminari li sar irriżulta li seħħet ħabta bejn mutur Honda NSC misjuq minn raġel ta’ 27 sena mir-Repubblika Ċeka u Toyota Hilux misjuq minn raġel ta’ 46 sena mill-Mosta. Mar-raġel ta’ 27 sena kien hemm ukoll mara ta’ 25 sena, ukoll mir-Repubblika Ċeka.
B’konsegwenza ta’ dan l-inċident, mutur ieħor Honda NSC li kien qed jinstaq minn raġel ta’ 26 sena mir-Repubblika Ċeka tilef il-kontroll u waqa’.
Fuq il-post issejjaħ tim mediku u ambulanza li ħadet lit-tliet persuni li kienu fuq il-muturi l-Isptar Mater Dei sabiex jingħataw il-kura meħtieġa. Aktar tard, il-mara ġiet iċċertifikata li qed issofri minn ġrieħi serji filwaqt li l-kundizzjoni tal-irġiel għadha pendenti.
Bil-każ ġie infurmat il-Maġistrat tal-Għassa Dr Leonard Caruana li fetaħ inkjesta filwaqt li l-investigazzjonijiet tal-Pulizija għadhom għaddejjin.