Żagħżugħa ġiet arrestata waqt spezzjonijiet tat-traffiku fejn instab li kienet qiegħda barra wara l-ħin impost fuqha mill-Qorti, kif ukoll li kienet qed tagħmel użu minn vettura mingħajr liċenzja tas-sewqan u polza tal-assigurazzjoni.
Meta ntalbet turi l-karta tal-identità, hi, minflok, ippreżentat il-karta tal-identità tal-mara li kienet passiġġiera magħha fl-istess vettura.
Miyem Milal Ali ta’ 21 sena minn Ħaż-Żabbar tressqet quddiem il-Qorti, ippreseduta mill-Maġistrat Astrid May Grima, u ġiet mixlija li jumejn ilu kissret il-kundizzjonijiet tal-ħelsien mill-arrest f’kawża separata dwar serq f’Bormla u f’Ħaż-Żabbar.
Milali Ali wieġbet mhux ħatja, bid-difiża titlob għall-ħelsien mill-arrest waqt li l-prosekuzzjoni oġġezzjonat it-talba.
L-avukat tad-difiża saħaq li l-Qorti għandha tikkunsidra li l-mara għandha tifel ta’ erba’ snin li jiddependi minnha u għandha wkoll impjieg fiss li jekk tinżamm arrestata se titilfu.
Il-Maġistrat Grima ċaħdet it-talba għal-libertà proviżorja.