Żvediż ta’ 19-il sena weħel tliet xhur ħabs sospiżi għal sena u weħel multa ta’ €3,000 wara li t-Tnejn filgħodu daħal fl-ajruport fis-sakra u m’obdiex l-odnijiet tal-uffiċjali tas-sigurtà wara li ma tħalliex jitla’ fuq titjira.
L-Ispettur Silvio Magro li mexxa l-prosekuzzjoni spjega li l-Pulizija ġew mgħajta mill-uffiċjali tas-sigurtà tal-ajruport wara li kien hemm raġel li ma tħallihiex jitla’ fuq l-ajruplan. L-ispettur spjega li r-raġel rreżista l-arrest u filwaqt li beżaq fuq wieħed mill-Pulizija huwa baqa’ joffendihom u jgħajjarhom sakemm ħaduh ġewwa l-għassa tal-ajruport.
Wara l-arrest huwa ttieħed ukoll fil-poliklinika tal-Furjana fejn hemm ukoll baqa’ agressiv fil-konfront tal-Pulizija.
L-avukat tal-għajnuna legali spjega li l-ġuvni għadu kif għalaq 19-il sena u appella biex fis-sentenza tagħha l-Qorti tikkunsidra wkoll li l-ġuvni għamel li għamel waqt li kien fis-sakra. Spjega wkoll li l-ġuvni għandu fedina penali nadifa u f’pajjiżu qed jistudja kors tal-liġi.
Iż-żagħżugħ wieġeb ħati tal-akkużi miġjuba kontrih.