Iktar ħidma mill-Pulizija tal-Iskwadra ta’ Kontra d-Droga, kmieni llum waranofsinhar, wasslet għall-arrest ta’ żagħżugħ ta’ 26 sena, residenti l-Imsida, wara li dan kien allegatament qiegħed ibiegħ id-droga fl-akkwati tal-korsa taż-żwiemel, il-Marsa.
B’kollox, il-Pulizija rnexxielha ssib madwar 100 qartas li kien fihom sustanzi x’aktarx kokaina u eroina, moħbija f’pouch li kien qed jintuża mill-istess żagħzugħ. Jidher li l-istess sustanzi kienu lesti sabiex jiġu traffikati.
Il-Maġistrat tal-Għassa Dr J Mifsud LL.D ġie infurmat dwar din is-sejba u ħatar diversi esperti sabiex jassistuh fl-inkjesta li ġiet appuntata. Filwaqt li s-suspettat għadu qiegħed jinżamm mill-Pulizija sabiex jgħinha fl-investigazzjonijiet tagħha.