Żagħżugħ ta’ 25 sena mill-Marsa tressaq il-Qorti akkużat li stupra lil kuġintu ta’ għaxar snin.
Il-Qorti ppreseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera semgħet l-evidenza kontra l-akkużat, li ismu mhux qed jissemma’ fuq ordni tal-Qorti sabiex jipproteġġu l-identità tal-vittma, ġie mixli li pparteċipa f’attività sesswali ma’ minuri u li kkorrompa lil kuġintu.
L-avukati tal-akkużat Franco Debono u Marion Camilleri spjegaw kif l-akkużat ċaħad kemm-il darba li abbuża sesswalment minn kuġintu bejn l-etajiet ta’ seba’ snin u 14-il sena, kif ukoll li stupraha.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif fis-17 ta’ Novembru tal-2017 il-Pulizija kienu ġew ikkuntattjati mill-iskola fejn kienet tattendi t-tifla wara li rrapportat li kienet ġiet abbużata sesswalment għal seba’ snin ġimgħa wara ġimgħa minn kuġinuwha.
Skont il-Prosekuzzjoni, l-istupru seħħ meta kellha biss għaxar snin meta hi qalet lill-kuġinuwha li ma kinitx qed tħossha komda.
L-akkużat ċaħad l-akkużi fejn wara li rrifjuta li juża l-għajnuna legali, biddel fehmtu wara li qalulu li akkużi ta’ dawn it-tip iġibu magħhom sentenzi ta’ bejn is-sitt snin u 40 sena ħabs.
Il-Qorti semgħet kif darba minnom it-tifla kienet ħajritu b’mod sesswali, xi ħaġa li ddispjaċiha wara. Il-vittma ma kellha ebda esperjenza sesswali tant li familtha ma kinitx titkellem fuq is-sess quddiema.
Intqal ukoll kif il-familja tal-vittma qatt ma raw jew semgħu dwar dan l-allegat abbuż u stupru fejn il-Qorti semgħet ukoll kif it-tifla kienet wisq mistħijja biex titkellem dwar dak li ġralha mal-ġenituri tagħha u għażlet li titkellem ma’ sħabha tal-iskola.
Il-Prosekuzzjoni spjegat kif meta marru biex jarrestaw lill-akkużat huma ma nfurmawx lill-akkużat mill-ewwel dwar l-identità tal-vittma sabiex ma jallarmawx lill-qraba tiegħu u qalulu fil-karozza meta kien fi triqtu lejn il-Kwartieri tal-Pulizija. Spjegat kif l-akkużat mill-ewwel ċaħad dawn l-akkużi u ftit minuti wara beda jistaqsi għal avukat.
L-aċċess sar waranofsinhar.